• MJAW

Il-Karrotta: l-Illuzjoni li Teħlisna (4° minn 5)

Updated: Apr 15



Wieħed jkollu raġun jistaqqsi: “Imma int, fil-blog ta' qabel dan, ma ktibtx li l-karrotta hija l-illużjoni li tjassarna? Kif qed tgħid issa li l-karrotta hija l-illużjoni li teħlisna?”

Forsi mhux kulħadd jaf li bosta veleni ta' ħlejqiet ħelwin u perikolużi bħal sriep u brimb, ilhom u għadhom jiġu wkoll użati f'rimedji li jfejjqu jew itaffu kundizzjonijiet serji, fosthom id-dijabete u l-kanċer.

Id-differenza bażika, fil-fatt, bejn li sempliċiment jigdmek serp u jimmankak jew joqtlok, u li tiġi mejjun permezz ta' doża mill-istess velenu u tagħmillek koċċ ġid, huwa li fit-tieni każ hemm l-intervent ta' l-għarfien. Xi ħadd skopra, f'kelma waħda, li dan il-velenu, f'ċertu doża, f'ċertu sitwazzjoni, u f'ċertu kuntest, huwa ta' ġid vitali għal min jiġi bżonnu.



L-istess il-karrotta.

L-illużjonijiet li ngħixu u ngħerqu fihom huma bosta, u huma velenużi tassew. Waħda mill-illużjonijiet li hija komuni mall-maġġor parti tan-nies fid-dinja moderna hi li “jien” u “tiegħi” aktar importanti minn ħaddieħor u mid-dinja ta' madwari. Allura l-għanijiet tiegħi jiġu qabel tiegħek, il-'bżonnijiet' u l-ambizzjonijiet tiegħi jiġu qabel il-ħarsien tal-ambjent naturali etc. Ovvjament, dan, kif jgħidu, bullshit. U dan għaliex fl-Univers, aħseb u ara fid-dinja, u aħseb u ara fuq traba f'nofs il-Mediterran li ngħixu fuqha aħna

(nofs milljun ħmar u ħmara), kollox huwa marbut flimkien! Il-ġid tiegħek, dak ta' ħutek, u dak tad-dinja ta' madwarek, ma jisgħtu qatt jikkontradixxu l-xulxin, avolja xi kultant hekk jidher. Dak li jidrilna mhux dejjem veru, usakemm ser nibqgħu naraw sa mniħirna, nagħaġ konna, u nagħaġ nibqgħu.


Iżda rridu nagħmluha ċara: Il-karrotta ma nistgħux neħilsu minnha kif gieb u laħaq. Kif jgħidu bl-ingliż, “The only way out is Through”. Anzi, fil-fatt, il-Karrotta hemm bżonn li nsegwuha, nħalluha teħodna fejn tixtieq hi.

Id-differenza pero', did-darba hi li, bħal fil-każ tal-velenu li sar mediċina, se ndaħħlu l-Għarfien fil-kwistjoni.


L-Għarfien, f'dan il-każ, huwa l-osservazzjoni onesta tiegħek innifsek.

Did-darba il-ħolm fieragħ tiegħek u tiegħi nibqgħu niġru warajħ, business as usual..., iva, iżda did-darba, tul it-triq biex nilħqu l-ħolma (fiergħa jew le), int u jien għandna l-opportunita' li nsiru nafu aħjar il-mekkaniżmi interjuri tagħna. L-osservazzjoni tagħna nfusna tipreżentalna l-opportunita' biex nintebħu x'inhu dak li jtina l-ħajja u l-entużjażmu għalijha, u x'inhu dak li joqtolna minn ġewwa.

F'kelma waħda, qed tisfida lilek innifsek billi tisfida lill-karrotta: “Ħa nimxi warajk ħalli nara kemm hu veru dak li qed twegħdni.”

Minflok il-karrotta tuża lilek, int tuża lilha. B'hekk, minn 'mappa għat-teżor' li qed tieħdok kuljum, pass pass, għar-rovina ta' dak kollu li hu nobbli ġo fik, il-karrotta ssir mod kif tagħraf għalfejn il-velenu tal-karrotta jgħoġbok daqshekk. Issir mappa biex tinkixef il-moħba tal-uġiegħ tiegħek, u b'hekk iseħħ, bil-mod, il-fejqan.


157 views

2020 MJAW TA' MALTA

EST. 2019

  • Facebook - Grey Circle
  • Instagram - Grey Circle
  • YouTube - Grey Circle