top of page
  • Writer's pictureMJAW

Żmien ir-Risposti (2° minn 5)

Updated: Dec 23, 2019

Għalfejn semmejt l-album Diski Għall-Ħmir? U dik il-Karrotta, xi trid tgħid biha?


Mistoqsijiet ta' din ix-xejra ġejt mistoqsi spiss. U bi prinċipju li kont bdejt inħaddan sa mill bidu li Diski Għall-Ħmir kien qed jiġi msawwar, dejjem b'xi mod fittixt li naħrab li nirrispondi. Dan għaliex li tomgħod huwa parti mill-proċess ta' diġestjoni, u dan jimplika li persuna mhux dejjem ser tiġi vantaġġjata b'risposta ċara.


Iżda ż-żmien issa nbidel. Il-Maltin għandhom aktar x'jomgħodu milli jiflaħ ix-xedaq, u aktar x'jidiġerixxu milli jiflaħ l-istonku.

Wasal iż-żmien għar-risposti, kemm f'ambiti 'kbar' u 'mportanti' bħal dak politiku, kif ukoll f'ambiti aktar umli u terreni, bħall-każ ta' dan l-album jismu Diski Għall-Ħmir. U allura ddeċidejt li ngħati ftit risposti, partikolarment fejn jidħlu l-livelli ta' tifsir marbutin mal-ħmar u l-karrotta.


Għal dan il-għan ser nippowstja serje ta' 'risposti', ftit ftit, anke biex jkollna biex inserrħu l-attenzjoni tagħna mill-vampiriżmu politiku li qed jibla l-poplu Malti f'dan iż-żmien.


Dan it-tieni 'post':


Il-Ħmar: It-tieni livell: it-togħbija


Il-ħmar huwa annimal tax-xogħol. Dan veru, did-darba, mhux biss fuq livell ta' mistoqsija li ma qamitx, iżda fir-realta'. Il-ħmar jagħmel ix-xogħol iebes, jitgħabba bi tbatijiet li ma għażilx, imma li ġew imposti fuqu.

Il-ħmar, forsi, huwa meqjus ta' njurant għax ma jgergirx, jobdi, jaħdem, jimxi wara karrotta, u mbgħad imut. L-istedina tal-album Diski Għall-Ħmir, fuq dan il-livell partikulari, hija li


nitgħallmu naraw kif u x'fatta l-ħajja tagħna tixbaħ il-ħajja ta' ħmar.


Dan huwa l-livell li fih, bilfors, il-mistoqsija trid tqum. U hija mistoqsija devastanti, jekk tittieħed bis-serjeta'.


Wasalna f'punt, u dan ovvjament mhux f'pajjiżna biss, fejn

numru allarmanti ta' bnedmin ma fadallomx il-ħin u l-attenzjoni neċessarja biex jidħlu f'kuntatt magħhom infushom.


Ġrieden ta' l-imramma, ngħixu biss biex indawwru 'r-rota'. Ir-rota ta' kulħadd hija d ifferenti, u l-ktajjen li jorbtuna magħha, wkoll. Hemm ktajjen ħoxnin u tqal, u oħrajn li huma ftit aktar grazzjużi. Mbagħad hemm il-ħajt ta' l-azzar li bilkemm jidher, iżda jniggeż, u qishek qatt ma tista tkun taf dan l-ugiegħ, din l-anzjeta', din il-biża, nervi u dwejjaq minn fejn ġejjin!


U b'hekk, anke biex inkunu nistgħu ngħixu bi ftit dinjita', moħħna jgħażel li jinsa x'jiġifieri li tħossok ferħan jew fil-paċi miegħek innifsek. Nidentifikaw mat-tagħbijiet varji li rrassenjajna ruħna għalihom. U ngħixu kif nistgħu ġo bozza llużjonijiet; li l-ħajja hi dik li hi, li l-futur se jkun aħjar, jew li l-glorji u t-tbatijiet ta' l-imgħoddi jagħmluna min aħna llum... u b'hekk, b'xi mod pervers, jagħtu xi sens lill ħajjitna.


Diski Għall-Ħmir huwa stedina biex niftakkru lillna nfusna, biex ngħarfu li l-ħelsien m'huwiex ħolma fierħa, iżda possibilta' konkreta u aċċessibbli għal kulħadd.


Ħelsien li nistgħu nsibuh permezz ta' għarfien ta' realta' mirduma taħt tunnellata lluzjonijiet kundizzjunati.


Iżda l-ewwel u qabel kollox, irridu nkunu lesti ninnutaw u nammettu, mhux biss li aħna ħmir mgħobbijin, iżda wkoll dak li aħna mogħbbijin bih.


Dan m'hu faċli xejn. Iżda ħaġa waħda hija ċertezza;


kif tgħamel pass fid-direzzjoni ta' l-għarfien, l-għarfien ser jagħmel pass lura lejk.



ir-Ritratt t'hawn fuq ġie miġbud minn DL.


362 views0 comments

Comentários


bottom of page