Għalfejn semmejt l-album Diski Għall-Ħmir? U dik il-Karrotta, xi trid tgħid biha?
Mistoqsijiet ta' din ix-xejra ġejt mistoqsi spiss. U bi prinċipju li kont bdejt inħaddan sa mill bidu li Diski Għall-Ħmir kien qed jiġi msawwar, dejjem b'xi mod fittixt li naħrab li nirrispondi. Dan għaliex li tomgħod huwa parti mill-proċess ta' diġestjoni, u dan jimplika li persuna mhux dejjem ser tiġi vantaġġjata b'risposta ċara.
Iżda ż-żmien issa nbidel. Il-Maltin għandhom aktar x'jomgħodu milli jiflaħ ix-xedaq, u aktar x'jidiġerixxu milli jiflaħ l-istonku.
Wasal iż-żmien għar-risposti, kemm f'ambiti 'kbar' u 'mportanti' bħal dak politiku, kif ukoll f'ambiti aktar umli u terreni, bħal każ ta' dan l-album jismu Diski Għall-Ħmir. U allura ddeċidejt li ngħati ftit risposti, partikolarment fejn jidħlu l-livelli ta' tifsir marbutin mal-ħmar u l-karrotta.
Għal dan il-għan ser nippowstja serje ta' 'risposti', ftit ftit, anke biex jkollna biex inserrħu l-attenzjoni tagħna mill-vampiriżmu politiku li qed jibla l-poplu Malti f'dan iż-żmien.
Dan l-ewwel 'post':
Il-Ħmar: l-ewwel livell: 'entry level'
L-ewwel livell tat-tifsira tal-immaġni tal-ħmar hija l-aktar waħda ovvja. Pero hija wkoll l-aktar waħda diffiċli għal poplu kburi u mbeżża bħal m'aħna Maltin. Hija dik l-immaġni m'hix meqjusa, ingranata fil-kultura tagħna, li l-ħmar huwa annimal injurant.
Fuq dan l-ewwel livell, ma jimpurtax hux veru jew le, jimporta biss li l-mistoqsija għada ma qamitx. Delizzjuża ir-riflessjoni ironika, meta wieħed jiftakar li l-injuranza tinbet u tikber eżattament fil-kuntest ta' mistoqsija li qatt ma qamet!
X'ħin il-Malti (aħfruli l-ġeneralizzazjoni) jiġi wiċċ imbwiċċ mal-prospett li jiġi mqabbel ma ħmar, ġo fina tinħoloq għafsa fl-istonku. Dik l-għafsa fl-istonku, fl-ambiti ta' l-għarfien spiritwali, tissejjaħ 'reżistenza', jew inkella l-istint tal-ego li jsalva lilu nnifsu minn dak kollu li ma jaqbillux ikun jaf.
Numru kbir ta' nies li ħabtu ma dawn id-diski għall-ħmir, miktubin minn ħmar bħalhom u daqshom, weħlu f'dan l-istadju. Dik il-barxa zgħira fuq l-ego tagħhom ma felħux għalija, u rħewha għall-triqthom.
Oħrajn, nies aktar 'spiritwali', ma felħux ma jidħlux fil-'klan' ta' dawk li huma 'conscious' biżżejjed biex jaqbżu din il-grada bejn il-ħmir u l-bravi, u allura jħobbu dan l-album għax ifakkarhom li huma mhux ħmir bħall-oħrajn, huma 'jafu'.
Innutaw, jekk jogħġobkom, li fl-ebda każ minn dawn ma qamet il-mistoqsija.
Kien hemm min ukoll, u nittama li jien wieħed minn dawn, li aċċetta it-titlu ta' ħmar (bil-konnotazzjoni sħiħa ta' l-injuranza), ġie wiċċ imbwiċċ ma l-injuranza egoista tiegħu, u xorta ta lilu nnifsu l-opportunita' li jfittex għarfien ġdid fuqu nnifsu. Inevitabilment din toħloq qasma interna;
“go fija hemm l-injurant, iżda hemm xi ħaġa oħra, aktar profonda, aktar awtentika wkoll.”
Nies ta' dan it-tip huma l-magna li tista tiġġenera t-tama għal pajjiżna. Dan anke għaliex, b'xi mod, jaċċettaw li jidħku bihom infushom.
Kemm nittestjaw naqra hawn x'qiegħed jigri biex jekk tridu tħallu l-kummenti tagħkom.